Merhba

Storja tal-Parroċċa tagħna

Il-knisja u l-parroċċa tagħna għandhom storja twila li toħodna lura sa l-1733. Dawn huma l-ġrajjiet u d-dati prinċipali tant importanti biex wasalna għall-Floriana kif nafuha llum.

 

 

2 ta’ Awissu 1733

Tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida mill-Isqof Alpheran de Bussan fil-presenza tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena. Seba snin wara s-sagristija tal-knisja issaqqfet u bdiet tintuża bħala chiesuola (knisja żgħira) biex b’hekk in-nies bdiet tinqeda mill-ħtiġijiet spiritwali mingħajr ma’ toqgħod tmur il-knisja tad-Duluri fil-Pieta’.

 

19 ta’ Jannar 1768

Titlesta l-knisja u tinġieb ir-relikwa ta’ San Publju b’purċissjoni mill-knisja tal-Kapuċċini.

 

19 ta’ Frar 1771

Tiġi ċċelebrata quddiesa speċjali mill-Isqof Giovanni Pellerano biex tikkommemora it-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-faċċata. Fl-1780 tinbena l-kopla li ġiet imħallsa mir-Rev. P.P. Muscat, kurat tal-parroċċa ta’ San Pawl, il-Belt.

 

20 ta’ Marzu 1792

Il-knisja ta’ San Publju tiġi kkonsakrata mill-Isqof Vincenzo Labini. Minn-żmien il-Gran Mastru De Rohan, kienu ħafna li urew ix-xewqa tagħhom li l-knisja tiġi mogħtija t-titlu ta’ parroċċa permezz ta’ bosta petizzjonijiet li kollha ġew miċħuda.

 

30 ta’ Marzu 1813

L-Isqof Ferdinando Mattei, fi żjara lil knisja ta’ San Publju, ifaħħar il-mod li bih kienet qiegħda titmexxa l-knisja.

 

13 ta’ Marzu 1836

L-Isqof Saverio Francesco Caruana, fi żjara oħra, jikkonferma dak li qal il-predeċessur tiegħu u jiddikjara li wasal iż-żmien li l-knisja issir parroċċa maqtugħa minn dik tal-Belt.

 

31 ta’ Lulju 1843

Il-Q.T. Papa Girgor XVI japprova li l-Floriana tiġi elevata għall-istat ta’ Parroċċa.

 

5 ta’ Marzu 1844

Id-digriet ta’ l-Isqof li jistabilixxi l-Floriana bħala Parroċċa jiġi ppublikat u kkomunikat fil-parroċċi kollha ta’ Malta, liema digriet kellu jiġi attwat fis-7 ta’ Marzu ta’ l-istess sena.

 

1 ta’ Ottubru 1845

Dun Giuseppi Ellul jiġi maħtur bħala l-ewwel Kappillan tal-Knijsa ta’ San Publju.

 

7 ta’ Awissu 1856

Jibda l-bini tan-navi tal-knisja fi żmien il-Kappillan Dun G. Ant. Vidal, li tlestew fi Frar tal-1861. L-oratorju tal-Konfraternita’ ta’ San Publju jinbena fl-1861 bi spejjeż tal-fratelli infushom.

Fl-1869 il-Parroċċa tingħata t-titlu ta’ Parroċċa Arċipretali fuq inizjattiva tal-Kappillan Dun Salv. Gaffiero. Kien proprju Dun Salv. Gaffiero l-ewwel Arċipriet tal-Floriana, qabel ma dan laħaq Isqof Awżiljarju ta’ Malta.

 

4 ta’ Settembru 1883

Fuq insistenza tal-parruċċani, tiġi diskussa il-possibilita ta’ bini ta’ faċċata ġdida għall-knisja. Il-proposta ġiet aċċettata unanimament u l-Arċipriet Dun Pawl Lauron ħa r-responsabilita’ li jqabbad lil-Professur Nikola Zammit biex jipprepara il-pjanti u d-disinn tal-faċċata l-ġdida. Il-pjanti ġew esposti fis-Sakristija fl-1 ta’ Novembru u r-risposta tal-pubbliku kienet waħda tajba.

 

13 ta’ Awissu 1884

Jibda x-xogħol fuq il-pedamenti tal-faċċata l-ġdida fil-kennierja taħt il-gwida ta’ Lorenzo Spiteri mill-Imdina. Dan l-avveniment ġie ċċelebrat b’murtali, baned u għadd ta’ ċelebrazzjonijiet oħra. Il-ħolma ta’ ħafna bdiet issir realta’.

 

5 ta’ Frar 1885

Il-Vigarju Generali Mons. Xerri bierek u poġġa l-ewwel ġebla fuq il-livell tat-triq fil-preżenza tal-Gvernatur u bosta nies oħra. Il-faċċata tlestiet fl-1890 fi żmien l-Arċipriet Dun Andrea Dingli.

 

5 ta’ Ġunju 1889

Jitlesta l-kampnar ta’ fuq Triq San Publju u jitpoġġew sett qniepen fis-7 ta’ Lulju ta’ l-istess sens. L-arloġġ ta’ dan il-kampnar beda jtektek fit-8 ta’ Settembru, 1895. Il-kampnar l-ieħor tlesta fit-28 ta’ Jannar 1892. Huwa stmat li l-ispiża tal-faċċata kien ta’ Lm9000.

 

20 ta’ Frar 1897

Dun Francesco Mallia jinħatar Arċipriet tal-Floriana li, mhux biss ħa ħsieb li jitħallas id-dejn relatat mal-bini tal-faċċata l-ġdida, iżda ħa ħsieb ukoll l-installazzjoni tad-dawl elettriku, il-pittura tal-koppla u l-apside, id-damask u bosta xogħolijiet oħra. L-Arċipriet Mallia temm il-parrokkat tiegħu fl-1931, bis-suċċessur tiegħu ikun Dun Angelo Ghigo.

 

29 ta’ April 1900

Jinħadmu il-Bankun u l-bradella tal-vara ta’ San Publju, xogħol mill-isbaħ ta’ interzjar u skultura fil-ġewż amerikan ta’ l-aħwa Pawlu u Karmenu Balzan, waqt li ħallas għaliha Joseph Portelli.

 

 

27 ta’ Frar 1907

Il-Professur Attilio Palombi beda il-pittura ta’ l-apside tal-knisja, li tlestiet fl-14 ta’ April. Il-pittura tas-saqaf tal-kor tkompliet fil-5 ta’ Novembru u tlestiet fis-7 ta’ April 1908. L-istess pittur beda x-xogħol fil-koppla fid-9 ta’ Diċembru 1908, li tlesta fil-21 ta’ April 1912. Giovanni Vella pitter il-qaddisin u l-evanġelisti.

knisja

 

30 ta’ Mejju 1911

Il-faċċata tal-knisja tiġi mixgħula bid-dawl elettriku.

 

 

 

21 ta’ April 1912

Jinkixef ix-xogħol ta’ Giuseppe Cali fuq l-altar, Il-Kruċifissjoni. Dil-pittura nqerdet fil-gwerra.

 

7 ta’ April 1919

L-Arċisqof ta’ Malta, il-Mons. Maurus Caruana jikkonsagra l-altar prinċipali l-ġdid maħdum minn Calcedonio Gatt. L-ispejjeż ta’ Lm500 jiġu mħallsa mill-Arċipriet Mallia.titular

 

 

13 ta’ Novembru 1922

Il-kwadru titulari li juri l-Martirju ta’ San Publju jiġi mżejjen b’xogħol dekorattiv ta’ rħam.

 

 

 

30 ta’ Ġunju 1925

Jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmintax il-Ċentenarju mill-martirju ta’ San Publju. L-Arċisqof ta’ Malta, il-Mons Maurus Caruana ħa sehem attiv fiċ-ċelebrazzjonijiet fejn saħansitra mexxa l-purċissjoni fil-5 ta’ Lulju. Għall-din l-okkażjoni, il-Mro Antonio Pace ikkompona l-innu popolari li jitkanta kull sena fil-festa ta’ San Publju. Il-versi ġew miktuba minn Patri G. Cremona, O.P.

 

3-4 ta’ Mejju, 28 ta’ April 1942

L-Arċipriet Ghigo dam 21 sena jservi l-parroċċa bħala Arċipriet. Fiż-żmien tiegħu saru bosta xogħlijiet, fosthom il-pittura tal-lunetti tal-koppla mill-Prof. Joseph Briffa R.A.

 L-akbar ġrajjiet tan-niket għal-Floriana ġraw fi żmien dan l-Arċipriet ukoll, l-ewwel meta splodiet bomba quddiem il-faċċata tal-knisja fil-lejl ta’ bejn it-3 u l-4 ta’ Marzu u mbagħad fit-28 ta’ April 1942 meta il-knisja sfat taħt il-mira ta’ l-għadu. Din ġiebet magħha ħsarat sostenibbli u rreparabbli, fosthom tkissir ta’ altari tal-irħam, il-pulptu, pitturi, linef tal-kristall, il-koppla, etċ.

 Minn dak il-lejl stess, il-knisja ta’ Sarria bdiet isservi ta’ Parroċċa sal-1944 sakemm saru tiswijiet temporanji fuq il-knisja ta’ San Publju. Kien fl-10 ta’ Diċembru 1944 li l-knisja ta’ San Publju reġgħet infetħet għal-pubbliku wara xogħol estensiv fuq il-korsija u l-bini ta’ ħajt mill-art sas-saqaf bejn il-pilastri maġġuri. L-1944 kien jaħbat l-ewwel ċentenarju tla-knisja iżda minħabba x-xogħol li kien għaddej dan ġie ċċelebrat sena wara fil-15 ta’ April 1945. L-ewwel purċissjoni bl-istatwa ta’ San Publju saret wara nuqqas ta’ erba snin fit-22 ta’ April 1945.

Il-proċess ta’ rikostruzzjoni tal-knisja ħa ħmistax il-sena.

 

8 ta’ Frar 1956

Tqiegħdet l-istatwa tal-konkos ta’ Kristu Re fuq il-Frontispizju minflok il-‘Fidi’ li nqerdet mal-faċċata fil-gwerra fi żmien l-Arċipriet Dun Anton Debono. Xogħol ieħor fi żmien dan l-Arċipriet jinkludi pulptu ġdid li żżanżan fil-31 ta’ Marzu 1957, is-sedji tal-kor u l-konfessjonarji, kollox ta’ l-injam.

 

pittura

 

1962

Inbeda x-xogħol tal-pittura fil-korsija mill-Professur Emvin Cremona fuq struzzjonijiet tal-Arċipriet Carmelo Xuereb li ħa l-pussess fl-1959. Xogħol ieħor fi żmien dan l-Arċipriet jinkludu altari tal-irħam fil-ġnub tal-knisja, fonti tal-magħmudija tal-irħam, it-tlestija tal-paviment tal-irħam u ħafna xogħol ta’ nduratura.

 

 

5 ta’ Lulju 1970

Wara 126 sena bħala parroċċa, il-Floriana sa fl-aħħar kella Arċipriet mis-subborg, ir-Rev. Dun Salv Fenech. Matul is-sittax il-sena tal-parrokkat tiegħu, Dun Salv ħa ħsieb li titlesta l-pittura tas-saqaf tal-korsija (1972), il-bidla tas-sistema ta’ l-elettriku (1974), installazzjoni ġdida tas-sistema tal-P.A. (1978) u żebgħa tal-knisja kollha mill-gwarniċun l-isfel. Fil-gallerija ta’ l-orgni, minn art u travi ta l-injam li kellhom ħafna ħsara, inqala kollox u sar tal-konkos mingħajr ma tellef xejn mid-dehra oriġinali.

koppla

 

12 ta’ Frar 1983

Inbeda x-xogħol biex tingħalaq il-koppla ħalli jkun jista jsir ix-xogħol ta’ dekorazzjoni fil-koppla. Qabel ma tlesta dan ix-xogħol, l-Arċipriet Fenech temm il-parrokkat tiegħu fl-1986. Ix-xogħol intemm fid-23 ta’ Ġunju 1987 fi żmien l-Arċipriet Dun Kalċidon Vassallo u ġie nwagurat fl-4 ta’ Lulju 1987 mill-Mons Fenech, l-Arċipriet li fi żmienu kien inbeda x-xogħol tal-koppla.

 

 

vara

 

 

 

14 ta’ Settembru 1990

Inbeda r-ristawr fuq l-akbar teżor li għandna fil-knisja, il-vara ta’ San Publju. Dan kien it-tielet ristawr tal-vara wara li sar xi xogħol fuqha fl-1924 u fl-1944 meta ssewwiet wara l-gwerra. Ir-ristawr sar fil-kappella ta’ San Ġużepp u baqgħat hemm sas-7 ta’ April 1991 meta nħarġet fil-Ħadd ta’ qabel il-festa.

 

 

 

nicca

 

27 ta’ Frar 1994

Jitlesta x-xogħol fuq in-niċċa l-ġdida ta’ San Publju, xogħol li nbeda mill-Arċipriet Vassallo u tlesta fil-parrokkat tal-Arċipriet Dun Ġużepp Pace. Din in-niċċa, magħmula wkoll minn ġewż amerikan, nħadmet minn grupp ta’ ħaddiema mmexxija mill-iskultur Salvu Bugeja. Ix-xogħol sar f’Ħal Luqa, fis-Saint Joseph Woodworks tas-sur Ġużeppi Galea.

 

28 ta’ Settembru 1994

Fuq xewqa ta’ l-Arċipriet Pace, il-fonti tal-magħmudija tmexxa minn kamra ħdejn il-bieb maġġur għal viċin l-altar maġġur biex b’hekk titgawda u tintuża aktar.

 

 

22 ta’ Settembru 1994

Jinqala l-kwadru titulari, xogħol ta’ Antoine de Favray, biex isir xogħol ta’ restawr fuqu. Matul ir-ristawr, ġew skoperti bosta dettalji li qabel ma kienux jidhru. Dettal interessanti kien li l-firma fuq il-kwadru kienet imbabsa. Ix-xogħol ma kienx ta’ Antoine de Favray iżda ta’ Philippus Vincentius Pace. Ix-xogħol ta’ restawr dam erbgħa xhur u sar minn Alfred Briffa. Dan ħa ħsieb tar-restawr taż-żewġ pitturi kbar laterali li hemm fil-kor, xogħol Raffael Caruana li sar fl-1867 li juru n-nawfraġju ta’ San Pawl u l-konsagrazzjoni ta’ San Publju.

 

Din kienet ġabra mqassra (!) ta’ l-episodji u opri l-aktar importanti li sawru l-Knisja Arċipretali tal-Floriana iddedikata lill-San Publju martri. Ix-xewqa tagħna hi li, issa li sirt taf aktar dwar l-istorja tal-knisja tagħna, tibda tapprezza u tgħożż aktar lill din fost l-isbaħ u l-ewlenin knejjes ta’ Malta.

 

 

Referenzi:

Is-Subborg tal-Furjana u il-Parroċċa Tiegħu         Antonio Agius, 1946

First Focus on Floriana                                     Emmanuel S. Tonna 1967

Floriana in Wartime                                         Emmanuel S. Tonna 1969

Final Focus on Floriana                                     Emmanuel S. Tonna 1979

Gazzetta “Il-Furjana”                                       Pubblikazzjoni Fsobians

Reġistri Parrokkjali                                          Knisja San Publju

Djarju Privat                                                   Freddie Tonna

Artiklu Programm Festa 1989                            Dr. E.F. Montanaro LL.D.

Remembrance, Floriana Blitz 1942.                    Pubblikazzjoni Fsobians

 

Erġa 'l fuq