
Patrun tal-Floriana
Il-Parroċċa tal-Floriana hija ddedikata lil San Publju Martri, l-ewwel Isqof ta' Malta. Din hija l-ġrajja li biha il-poplu Malti, u b'mod partikolari San Publju, jingħata referenza fil-Bibbja.
"F'dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju nzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. Wara dan ukoll bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Tawna wkoll minn kull xorta ta' ġid, meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu." Atti 28: 7-10
Il-festa liturġika ta' San Publju tiġi ċċelebrata fit-22 ta' Jannar, filwaqt li l-festa proprja ssir żewġt iĦdud wara l-Għid Imqaddes u tiftaħ l-istaġun tal-festi Maltin. Għal kull festa jitkantaw bosta innijiet, fosthom l-Antifona miktuba minn Vincenzo Bugeja fl-1860, O Melitae Digna Proles.
Is-sur Nathan Hart li jgħix Des Moines, Washington ġewwa l-Amerika, kiteb storja qasira u nteressanti fuq il-wasla tal-Kristjaneżmu f'Malta. Tista tniżżilha billi tagħfas hawn.
Xi Dettalji fuq il-Ħajja ta' San Publju:
- twieled f’Malta minn ġenituri nobbli Maltin (kien l-ewwel wild tagħhom)
- Missieru kien wieħed mill-aqwa sinjuri ta’ Malta tant li kien gvernatur u kellhu bosta oqsma.
- Id-dar urbana tagħhom kienet fl-Imdina fejn illum hemm il-Knisja Katidrali.
- Il-villa tagħhom kienet tinsab fejn illum hemm il-Knisja ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad.
- Studja f’ħafna oqsma u pajjiżi fosthom f’Atene, Marsal u Sqallija.
-Wara missieru laħaq ta’ eta` żgħira Prinċep ta’ Malta.
- Fis-sena 60 A.D. laqa’ lil San Pawl u lill-ekwipaġġ wara n-nawfraġju u żammhom għandu bil-qalb għal tlett ijiem(damu 3 xhur f’Malta). San Pawl fejjaq lil missier Publju minn deni u diżenterija. (Atti: 28)
- Wara dan l-avveniment Publju ikkonverta għal nisrani (minħabba li kien pagan), għen lill-Maltin u b’hekk Malta saret Kattolika. Irċieva l-magħmudija u ġie ordnat l-ewwel Isqof ta’ Malta.
- Wara dan iż-żmien intbagħat bħala t-tieni Isqof f’Atene wara l-Isqof Dijonisju li miet immarterizzat. Atene kienet magħrufa bħala l-aktar Belt fejn kien hemm ħażen u għorrrief u qerq. Hemmek ikkumbatta ħafna biex xerred il-Kristjaneżmu ma diversi nies u minkejja kollox ma beżax ixandar lil Gesu` Kristu.
- F’Atene dam Isqof għal madwar 38 sena u miet għal Alla bil-martirju ta’ l-iljuni fl-eta` kbira ta’ 92 sena taħt il-ħakma ta’ l-imperatur Adrijanu fis-sena 125 A.D. fil-21 ta’ Jannar.
Leġġenda jew Verita'?
Dawn il-grajjiet seħħew madwar elfejn sena ilu u għalhekk wieħed jista’ jiddubita minnhom. Minkejja l-ħafna kittieba li kitbu fuq San Publju kellhom informazzjoni valida u li taqbel. Oħrajn moderni ħawdu bil-kbir. Waħda mit-taħwid li jintqal hu li Publju t’Ateni mhux dak tagħna għax meta miet jiġi li kellu fuq il-mitt sena jew inkella hawn min jgħid li meta tistaqsi fuq San Publju fil-Greċja, il-Griegi jgħidulek li ma jafux bih. Il-kawża ta’ l-ewwel kontroversja hija minħabba li xi ħamsin sena wara li miet Publju tagħna, laħaq isqof Arjan taħt l-Imperatur Mark Awrelju, jigifieri mhux l-istess imperatur Adrijanu li Publju tagħna miet fi żmienu. Dan l-isqof Arjan inzerta kien jismu Elio Publio Giulio u b’hekk xi kittieba ħalltuh ma l-isqof Publju tagħna u allura ġie li għex xi 155 sena, eta` impossibli. Dwar it-tieni kontroversja huwa veru l-fatt li l-Griegi jekk issaqsihom fuq Publju ta’ Malta jgħidulek li ma jafu xejn, dan għaliex fil-kalendarju tagħhom warrbu l-qaddisin tal-Knisja Rumana u żammew biss il-qaddisin Griegi.
Din l-informazzjoni imqassra hi kollha dokumentata, miktuba minn għorrief storiċi fosthom Socrate u oħrajn bħal San Krisostmu u San Beda eċċ... Dawn kollha huma approvati mill-Knisja.
San Publju ingħata bosta titli ta’ tifħir minn dawn l-għorrief, fosthom Tu Honorificienta’ populi nostril li tfisser Int il-ġieħ tal-poplu tagħna u l-antifona tiegħu tibda biex issellimlu O Melitae digna proles li tfisser O iben denn ta’ Malta. Athenis clara lux – tixħet dawl u dija fuq Atene u ħafna ħafna oħrajn..
Mela jekk verament tħobbu lil San Publju tagħtux kas tal-ħafna qlajjiet li jintqalu imma emmnu u serrħu raskhom għax SAN PUBLJU HU MALTI BĦALNA, L-EWWEL ISQOF TA’ MALTA, IT-TIENI ISQOF F’ATENE U MARTRI. Injoraw il-qlajjiet, għax hi ta’ min jistħi li ħafna nies ma jafux dwar dan il-qaddis kbir u protettur ta’ Malta. Għalhekk intom li tħobbu lil San Publju itolbuħ għax permezz ta’ Alla jaqla’ ħafna grazzji u tibżgħux ixxandruh bħala l-ewwel qaddis Malti bħalna! Inkunu kburin li fis-sema għandna lil Publju bħala rappreżentant tagħna l-Maltin, u lilu għandna nitolbu f'mument ta' bżonn.
- Ir-relikwa (biċċa minn għadmu) l-aktar ċerta tinsab fil-Knisja Arċipretali tal-Furjana li tagħha hu patrun, wara li ġiet mogħtija mill-Kapuċċini.
- San Publju fiż-żmien li ħafna aktar nies kienu devoti tiegħu u jitolbuħ permezz ta’ Alla qala’ ħafna grazzji, fosthom il-ħelsien mill-marda tal-Kolera u l-kwistjoni ta’ żwieġ imħallta, fejn f’dawn it-tnejn kien sar pellegrinaġġ bl-istatwa tiegħu.
Nota: Din l-informazzjoni nteressanti hi xogħol Antoine J. Hili u ġiet meħuda mill-ktieb miktub minn Antonio Agius dwar San Publju Martri.
Tista 'tiddownlowdja' parti mill-Antifona. Agħmel right click fuq il-link t'hawn taħt u agħżel 'Save target as".
O Melitae Digna Proles
O Melitae digna Proles
Princeps et Antistes noster
Publi, Athenis clara lux,
fer quasesumus Christi,
gratiae patrocinium,
ut de hostibus animae
et corporis triumphantes;
ad vitae aeternae praemium
pervenire valeamus.
V. Meritis et precibus Beati Publi. Alleluia,
R. Propituis esto Domine clero et populo tuo. Alleluia.
Maqlub għal-Malti
O Publju Iben Nobbli,
Prinċep u Isqof ta' Malta,
dawl u dija għal Atene,
tifrex fuqna l-ħarsien
tal-grazzja ta' Kristu,
sabiex, rebbiħin fuq
l-għedewwa tar-ruħ u
tal-ġisem, inkunu nistgħu
naqilgħu l-premju
tal-ħajja eterna.
V. Għall-merti u t-talb ta' Publju. Alleluia.
R. Ħenn Mulej għall-kleru u l-poplu tiegħek. Alleluia.
Tista 'tiddownlowdja' parti mill-Innu Popolari. Agħmel right click fuq il-link t'hawn taħt u agħżel 'Save target as".
Innu Popolari lil San Publju
Ejjew magħna o Maltin ħutna ngħaqdu
Biex lil Publju nfaħħru lkoll
Bħala wliedu flimkien fis ninġabru
u kull wieħed ilsienu jkoll.
Ta' Malta kbir protettur
tagħna Int glorja u unur.
Ta' dil-gżira inti kont prinċep għani
Magħżul ġejt sabiex tagħha ssir ragħaj;
U b'kull għerf minn tas-sema mżejjen
Ta' dil-merħla Int sirt xempju ħaj.
Rit.
Kif fil-fidi mħaddna rajt f'Malta
Hemm f'Atena komplejt għal Ġesu
Tikkumbati l-għorrief tant qarrieqa
Kollha fik dehru jiddu l-virtu'!
Rit.
Sew kif ħajtek mort tagħti għal Alla
Għalih int ukoll mewtek mort tajt
Qalb l-iljuni mbiċċer u mtertaq
Lilu xxandar sa l-aħħar nifs bqajt.
Rit.
Xejn ma jiswa li għaddew bosta sekli
Malta, O Publju żgur qatt ma tinsiek
Ir-rebbieħa fuq l-għadu lilha oħroġ
Biex bħal dejjem tiftaħar tmur bik.
Rit.
Poeżija lil San Publju
miktuba minn Josef Sant, Abbati.
O San Publju missier tagħna
Aħna wliedek inħobbuk.
Lesti li nindmu minn kollox
Biex inkunu lkoll nixbħuk.
Dan is-subborg lilek ifaħħar
Għaliex inti l-patrun tiegħu.
Għal warajk huwa msaħħar
Bil-poplu kollhu miegħu.
Int kont prinċep ta' dil-gżira
Li l-Pawlu għandek ilqajt,
Żammejtu għandek b'qalb kbira
U daqs ħuk lilhu int stmajt.
Għal kemm lejn Atene inti tlaqt
Lill-patria tagħna qatt ma nsejt.
L-imħabba u l-għaqda lilha xtaqt
Biex nagħmlu dan int insistejt.
Fl-art l-għorrief ħallejt ħajtek
Qalb l-iljuni imbiċċrin.
Il-bogħod minn art twelidek
U min niesek il-Maltin
Hemm fis-sema inti qiegħed
Ma ġenb Kristu is-sultan.
Waqt li l-ħażen minnha tbiegħed
Tħares lejna b'wicc daħkan.
Ejjew maltin flimkien nitolbu
Lil dan qaddis Malti bħalna,
Li lkoll aħna nħobbu
Nitolbuh biex jibqa f'qalbna!
Ta' min ngħidu li ġiet irrekordjata cd bil-mużika tal-festa. Din tinkludi dawn iż-żewġ innijiet t'hawn fuq u ħafna aktar. Dan l-album huwa double cd u qed jinbiegħ għal prezz ta' €11.65 biss. Jekk trid tixtrih u tgħin lil knisja fil-ġbir tal-fondi tagħha, ibgħatilna e-mail u nagħtuk aktar dettalji fuq kif tista takkwista din il-kollezzjoni ta' muzika karatteristika tal-festa ta' San Publju.